Type: Dipartimenti u Entitajiet

Ċentru Dwar L-Arbitraġġ Ta’ Malta

Iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta [hawn aktar ‘l isfel jissejjaħ “Iċ-Ċentru”] huwa korp magħqud li jkollu personalità ġuridika distinta u għalkemm ġie mwaqqaf fl-1996 bid-dħul fis-seħħ ta’ Kapitolu 387 tal-Liġijiet ta’ Malta [hawn aktar ‘l isfel jissejjaħ “L-Att”], iċ-Ċentru beda jopera f’Marzu tas-sena 2000.

Il-funzjonijiet taċ-Ċentru, kif provdut fl-Artikolu 10(1) tal-Att, huma:

  • li jġib ’il quddiem lil Malta bħala ċentru għall-arbitraġġ kummerċjali internazzjonali;
  • li jipprovdi għal kif għandu jitmexxa l-arbitraġġ internazzjonali f’Malta;
  • li jinkoraġġixxi l-arbitraġġ domestiku bħala mezz ta’ arranġament ta’ tilwim;
  • li jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa għat-tmexxija ta’ arbitraġġ;
  • li jagħti pariri lill-Gvern fuq kull ħaġa msemmija fis-sub-paragrafi ta’ qabel;
  • li jwettaq il-funzjonijiet l-oħra kollha li jiġu lilu assenjati b’din il-liġi jew b’kull liġi oħra; u
  • li jwettaq kull funzjoni oħra supplimentari jew anċillari ma’ dak li hemm imsemmi qabel.

Iktar minn hekk iċ-Ċentru, għandu s-setgħa, li titwettaq permezz tal-Bord tiegħu, li jagħmel regoli li jiġu pubblikati fil-Gazzetta u li jkunu jipprovdu dwar:

  • il-proċedura għall-arbitraġġi;
  • il-mod u l-ħtiġiet (inkluż kull dritt li jitħallas għaldaqstant) għar-reġistrazzjoni ta’ dokument taħt dan l-Att;
  • linji ta’ prinċipju u għażla ta’ mudelli jew forom għall-formulazzjoni ta’ kull klawsola u ftehim tal-arbitraġġ; u
  • kull ħaġ’oħra li dwarha jistgħu jsiru regoli taħt kull dispożizzjoni tal-Att.Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru huwa responsabbli għall-politika u għall-amministrazzjoni ġenerali tal-affarijiet u x-xogħol taċ-Ċentru, liema Bord għandu jkun jikkonsisti f’mhux anqas minn tliet membri u mhux aktar minn ħames membri, li jinħatru mill-President ta’ Malta li jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru. Il-membri tal-Bord jiġu appuntati għal perijodu ta’ sitt snin u huma eleġibbli għall-ħatra mill-ġdid.Iċ-Ċentru għandu wkoll Reġistratur, li hija wkoll segretarju tal-Bord. Ir-Reġistratur jiġi appuntat mill-Bord u bil-liġi għandu jwettaq dawk il-funzjonijiet li minn żmien għal żmien jiġu delegati lilu mill-Bord. Ir-rappreżentanza legali taċ-Ċentru hija vestita fir-Reġistratur u r-Reġistratur għandu s-setgħa li jagħti l-ġuramenti tal-kariga lill-arbitri jew lil kull persuna oħra involuta fil-proċedimenti tal-arbitraġġ.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) twaqqfet biex tiżgura li l-benesseri fiżiku, psikoloġiku u soċjali tal-ħaddiema kollha fil-postijiet tax-xogħol kollha jiġi promoss u mħares minn kull min għandu dan id-dmir.

L-għanijiet ġenerali tal-OHSA huma:
  1. li titrawwem kultura li tivvalorizza l-prevenzjoni,
  2. li jiżdied l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-kisba u ż-żamma ta ’livelli adegwati ta’ saħħa u sikurezza okkupazzjonali (OHS),
  3. li l-OHS tiġi integrata fl-oqsma kollha ta ’politika inklużi l-politika pubblika, l-akkwist, u l-edukazzjoni,
  4. li jinżammu x-xejriet ’l isfel fir-rigward ta’ inċidenti relatati mal-OHS li jwasslu għal korrimenti, mard u mwiet.

Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni

Il-BCA hija responsabbli għas-salvagwardja ta’ partijiet terzi u prattiċi ta’ xogħol sikur billi tiżgura li l-aspetti ewlenin tal-bini jiġu żviluppati b’mod effettiv u jsegwu regolamenti aġġornati applikati f’ambjent ikkontrollat. Il-BCA hija wkoll responsabbli biex tmexxi l-ħolqien ta’ eko-sistema tal-kostruzzjoni u tħaddan governanza tajba, kif ukoll tiżviluppa politiki u prattiki mfassla apposta li jappoġġjaw pjattaformi ta’ netwerking li jippromwovu bini konformi u sostenibbli.